Lyrics
Persjana tal-lum, javżak bla ma jdum
Il-ħbieb, jekk qamux, fejn qegħdin u ma’ min
Min juri ritratt x’se jiekol fi platt
Kulħadd, fi ftit ħin isir jaf fuq xulxin
Ħasra li ssib min
Mezz jużah ħażin
Wara l-keyboard jgħaddi kollox u kliemu ma jomgħodx
Wisq negattiv
Xi kultant kattiv
U biex jgħid xi ħaġa jikteb fuq in-nies bl-addoċċ
REF: Bil-kelma t-tajba ma troddx ħlief ġid
Billi l-kliem bħaċ-ċirasa ma tgħidx li trid
Mill-ħbieb li jkellmuna le nabbużaw
Biex flok lil ħaddieħor niffastidjaw
Il-ġid nawguraw
Għad-divertiment, mil-lvant u l-punent
Iżżid aktar minn ħabib wieħed fis-suq
Tkun taf il-ġrajjiet tal-aħbarijiet
Mill-grawnd, malajr jgħidlek min qiegħed minn fuq
Qabel kull kumment
Oqgħod ftit attent
Kelma nieqsa aħjar minn żejda, tagħmel żgur suċċess
Għax l-uġigħ iżid
Lill-batut, marid
Min jaf kieku dak li ktibt kien fuq familtek stess?
Wassal ix-xewqat
Taffi l-weġgħat
Aħseb qabel tikkummenta u kun pożittiv
REF: Bil-kelma t-tajba ma troddx ħlief ġid eċċ…
X’tagħmel m’għandekx, poġġejt bilqiegħda
Illoggjajt bdejt tqalleb, ma’ min se tehda?
Il-burdata nzertat waħda mhux mit-tajbin..
Kull m’qed jitla’ quddiemek, qed tara kollox ħażin!!
Il-kuxjenza qed tniggżek, la tkunx negattiv!
Għandek dritt tikkritika basta b’mod kostruttiv,
Jekk l-għeneb ma lħaqtx, qatt tgħid li hu qares,
Għax qares kemm hu qares, aħjar tiekol milli tħares!
Kelma żejda lanqas għall-avukat jaf ma tkun ta’ vantaġġ,
B’kelma tajba jaf bl-aqwa mod twassal messaġġ!
Tinħebiex wara l-liberta` tal-espressjoni,
Minn titlu jew ritratt tasalx għal konklużjoni!
Tiblax kull ma tisma’ u tara fil-midja soċjali..
U attent kif tużaha jaf issir midja letali!!
Qis mitt darba u aqta’ darba! Tiegħek innifsek kun is-sid!
Ftakar li bil-kelma t-tajba ma troddx ħlief ġid…
REF: Bil-kelma t-tajba ma troddx ħlief ġid eċċ…